Dwarna
Merħba fil-paġna tas-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti. Hawnhekk wieħed jista’ jsib kull informazzjoni li għandu bżonn relatata ma’ din is-sezzjoni.
Fis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. kienet ilha tinħass il-ħtieġa sabiex iż-żgħażagħ ikunu organizzati taħt forma ta’ sotto-kumitat. Għalhekk proprju nhar is-6 t’April 1992, saret l-ewwel laqgħa tal-ewwel kumitat tas-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti. Mill-ewwel, dawn il-membri tal-kumitat bdew jiddiskutu biex jaraw kif ser ikabbru aktar il-festa tal-Patruna tagħna Santa Katarina.
Fil-festa ta’ dik is-sena, wara biss ftit xhur ta’ ħidma, kien jidher illi f’dawn iż-żgħażagħ kien hemm sens t’organizazzjoni kemm fil-marċi, fil-briju u anke fl-armar. Din is-Sezzjoni bdiet ukoll torganizza diversi attivitajiet li f’dak iż-żmien, kienu qed jiġu organizzati għall-ewwel darba f’raħalna bl-iskop li żżomm lil din is-Soċjetà dinamika u aktar ħajja matul is-sena u tħeġġeġ aktar żgħażagħ jersqu lejn is-Soċjetà. Fost l-attivitajiet insibu l-Lejla Maltija Grandjuża, is-St.Catherine Song Festival, discos fil-każin, diversi wirjiet u serati teatrali.
Maż-żmien, din is-sezzjoni kompliet tikber minn kull aspett. L-attivitajiet li jiġu organizzati matul is-sena qed jilħqu livelli akbar, u jilħqu għanijiet oħra, fosthom dak filantropiku. Saħansitra, is-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti rrappreżentat u esebixxiet il-wirt kulturali Żurrieqi u Malti meta fl-għeluq tat-30 sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni, organizzat il-proġett tal-Erasmus+ ‘Sustaining Cultural Heritage Through Youth Activism’ ġewwa r-Rumanija. Fl-aħħar u mhux l-inqas, ix-xogħol fuq il-briju laħaq livell għoli ta’ professjonalità u ta’ artistiċità. Saru kemm proġetti ta’ restawr fuq armar antik kif ukoll proġetti ġodda li qed jitgawdew min-nies matul iż-żmien tal-festa. Dan li jagħmel is-Sezzjoni Żgħażagħ, il-kxif ta’ proġett kull sena frott l-attivitajiet u l-ħidma kemm mill-membri kif ukoll minn diversi soċi li dejjem kienu ta’ spalla.
Mis-6 t’April 1992 sal-lum, is-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti qatt ma ħarset lura. Dejjem imxiet b’ koordinazzjoni mal-Kumitat Ċentrali, mal-ħidma u pariri ta’ diversi nies li għandhom għal qalbhom il-festa, u s-soċi, iżda fuq kollox, kien bl-għajnuna tal-Patruna tagħna Santa Katarina li nkisbu għadd ta’ suċċessi kbar. Ejjew flimkien inkomplu nkabbru u niktbu l-istorja ta’ din l-ewwel u l-aqwa Sezzjoni Żgħażagħ fiż-Żurrieq.
Sotto Kumitat Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti
Chairman | Is-Sur Paul Farrugia |
---|---|
Viċi-Chairman | Is-Sur Samuel Mangion |
Segretarju | Is-Sur Marlen Saliba |
Kaxxiera | Is-Sinjorina Michela Farrugia |
Direttrici | Is-Sinjorina Katia Zammit |
Kordinatur tal-Briju | Is-Sur Liam Caruana |
Membri | Is-Sinjuri Izaak Abela, Emma Busuttil, Luke Camilleri, Krista Camilleri, Joaquin Cutajar, Lionel Grima, Charlon Mangion, Jamie Sapiano, Maya Schembri, Andre Spiteri u Rebecca Zammit |