Dwar l-Akkademja
Hekk kif tisma’ l-isem tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq, dlonk il-ħsieb jiġri fil-mużika. L-isem tas-Soċjetà tagħna hu xhieda kemm il-mużika hi għal qalb din is-Soċjetà. Mal-mixja taż-żminijiet, kumitati diversi ħadmu sabiex il-Banda Santa Katarina V.M. tikber u dejjem tkun fost l-aqwa fi gżiritna. Dan ma jiġrix b’mirakli iżda b’ħidma fejjieda ta’ tim ta’ nies magħqud b’għan wieħed – li nkomplu nsaħħu l-banda tagħna. Sabiex naċċertaw dan, kif missirijietna għamlu fil-passat, aħna wkoll qed naħdmu sabiex inkomplu nsostnu t-tagħlim tal-mużika bla ħlas b’enfasi fuq iktar relevanza għaż-żminijiet tal-lum.
Tradizzjonalment, f’każin tal-banda, it-tagħlim tal-mużika jikkonsisti f’solveġġ u strumenti li tradizzjonalment jintużaw fil-banda. Iżda llum il-ġurnata, permezz ta’ fondi miksuba mill-Aġenzija Żgħazagħ, it-tagħlim fis-Soċjetà tagħna ġie estiż għat-tagħlim ta’ teorija, tal-vuċi f’kor u tal-pjanu. Dan il-pass ittieħed sabiex dejjem navvanzaw, nestendu u b’hekk intejbu iktar it-tagħlim tagħna biex nattiraw iktar studenti li jixtiequ jitgħallmu l-mużika u fuq kollox sabiex naċċertaw formazzjoni kompluta tal-mużiċisti futuri tagħna.
Dan ix-xogħol imsemmi hawn fuq jirrikjedi nies iffukati fuq dan il-materjal, liema materjal kulma jmur qed jikber. Kien propju għal din ir-raġuni li fis-sena 2022/2023, il-kumitat fi ħdan din is-Soċjetà għaraf il-bżonn li titwaqqaf l-Akkademja Mużikali Santa Katarina V.M. L-iskop prinċipali ta’ din l-Akkademja hu li nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw kontinwità iżda wkoll nintroduċu elementi ta’ innovazzjoni fit-tagħlim tal-mużika ġewwa s-sede tagħna. Dan irridu nagħmluh b’sens ta’ responsabbiltà u għaqal u għalhekk investejna f’għalliema kkwalifikati u ddedikati biex b’mod naturali nibqgħu nipprovdu tagħlim lil kull min hu mħajjar li jiżviluppa t-talenti mużikali – dejjem bla ħlas iżda ta’ kwalità – għal ħafna snin oħra.