Il-Banda Santa Katarina V.M
Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. ġiet imwaqqfa fl-1864 mill-Kappillan Dun Vincenzo Schembri bl-għan ewlieni li tippromwovi l-kultura fir-raħal taż-Żurrieq mil-lenti tal-mużika. L-ewwel Surmast kien il-Mro. Luigi Carabott, li fforma orkestra ta’ 24 mużiċist biex tieħu sehem fil-festa annwali ta’ Santa Katarina V.M. ta’ Lixandra, il-patruna taż-Żurrieq. Minn mindu twaqqfet propju 160 sena, is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina għadha tgħożż dan l-għan oriġinali tagħha, li ġew msaħħin mill-impenn tas-Soċjetà sabiex toffri lezzjonijiet tal-mużika b’xejn u bil-parteċipazzjoni tagħha fl-iktar festi popolari Maltin kif ukoll tmur iddoqq barra minn xtutna.
Wara numru ta’ snin, l-orkestra ġiet transformata f’banda u ngħatat l-isem ‘La Filarmonica del Zurrico’. Matul il-żewġ gwerrer dinji, il-banda ġiet mibdula f’orkestra minħabba l-imigrazzjoni taż-Żrieraq lejn postijiet oħra minħabba raġunijiet ta’ xogħol, b’hekk l-orkestra żammet l-attivitajiet u l-appuntamenti mużikali kollha. Il-Mro. Espedito Deguara għamel l-istorja meta fl-1946 reġa’ biddel l-orkestra f’banda u baqa’ surmast ta’ din il-banda għal 42 sena sal-1986 meta l-Mro. Francis Falzon sar surmast. Il-Mro. Mario Testa sar surmast wara l-mewt tal-Mro. Francis Falzon fl-2008. Fl-2012, wara r-riżenja tal-Mro. Mario Testa, ħa l-bakketta il-Mro. Josef Grech li għadu s-surmast tal-banda flimkien mal-Assistent Surmast Alan Schembri. Matul dawn l-aħħar snin, il-livell mużikali tal-banda kompla jogħla, megħjun mill-ammont kbir ta’ mużiċisti ġodda li ssieħbu mal-Banda, in-numru ta’ mużiċisti llum jaqbeż sebgħin mużiċist.
Is-Soċjetà toffri l-istrumenti u t-tagħlim mużikali kollu b’xejn u l-mużiċisti jirreċiprokaw billi joffru s-servizzi tagħhom voluntarjament. Fl-akkademja tal-mużika hemm iktar minn 50 aljiev li regolarment jattendu għal-lezzjonijiet tal-mużika fil-każin ta’ kull ġimgħa. Fl-2022 ġie mwaqqaf ukoll kor tat-tfal bħala parti mill-akkademja tal-mużika bl-isem ta’ ‘Vox Coeli’.
Sa minn mindu twaqqfet is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. kellha suċċessi kbar fil-qasam tal-mużika, u saret popolari ħafna madwar il-gżejjer Maltin. Il-banda daqqet f’bosta kunċerti madwar Malta, fosthom fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta. Il-Banda għamlet ukoll disa’ safriet f’pajjiżi Ewropej, Noto (1954), Arcireale (1955) u Catania f’Sqallija (1959), Bari (1997), Lucca fl-Italja (2004), Budapest fl-Ungerija (2009), Schopheim/ Todtmoos fil-Black Forest il-Ġermanja (2014), Schladming fl-Awstrija (2018) u Lleida fi Spanja (2023).