Don Matthiolo Saliba, Kappillan u Arkitett tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq, f’Għeluq it-325 Sena mill-Mewt Tiegħu

Is-sena 2001, il-parroċċa taż-Żurrieq tiċċelebra t-325 sena mill-mewt ta’ wieħed minn uliedha, bniedem ta’ kultura, organizatur ta’ ħila, arkitett, benefattur kbir tal-Knisja, saċerdot u kappillan taż-Żurrieq għal 41 sena sħaħ. Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. tagħtu l-ġieħ li jixraqlu permezz ta’ Serata Mużiko-Letterarja organizzata l-ġieħu nhar is-Sibt 28 t’April 2001. Il-kelliem ewlieni kien is-Sur Anthony Mangion li b’ħila u elokwenza kbira laqqagħna ma’ dan wild ir-raħal u wriena min kien u x’wettaq b’tant kapaċità u ħila.

F’dan il-programm tal-festa ħassejna li għandna nfakkruh ukoll u tlabna lil Fr. John Ph. Curmi M.S.S.P. jislifna biex nippubblikawh, id-diskors li kien għamel rigward Don Mattiolo Saliba fis-Serata Mużiko-Letterarja “Ġganti tar-raħal” organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għall-okkażjoni ta’ Jum iż-Żurrieq nhar l-1 ta’ Ġunju 2000.

Iż-Żurrieq fi Żmien Mattiolo Saliba

Fil-bidu tas-seklu 17, iż-Żurrieq kien medda art tassew kbira, tista’ tgħid minn Birżebbuġa sal-Magħlaq, konfini tas-Siġġiewi. Kienet medda art li tħaddan fiha wkoll l-irħula ta’ Ħal Far, Bubaqra, Ħal Millieri, il-Qrendi, Ħal Lew u Ħal Manin.

Il-popolazzjoni taż-Żurrieq fil-bidu tal-istess seklu kienet ta’ 2,250 ruħ, iżda fl-1618 l-Isqof Cagliares qata’ parroċċa għalih ir-raħal tal-Qrendi flimkien ma’ Ħal Manin u Ħal Lew. Din is-separazzjoni tal-Qrendi miż-Żurrieq effettwat il-popolazzjoni tar-raħal tagħna, u kważi għadda seklu sħiħ biex il-popolazzjoni terġa’ tirpilja għal dak li kienet fil-bidu. Fl-1647 il-popolazzjoni taż-Żurrieq kienet ta’ 1,580, fl-1667 telgħet għal 1,877 u fl-1695 waslet għal 2,128.

Il-poplu taż-Żurrieq kien fqir ħafna. Meta wieħed iħares lejn ir-reġistru tal-mejtin ta’ dak is-seklu, spiss jiltaqa’ qrib ta’ l-isem il-mejjet, il-kliem “poverissimo” jew “poverissima”. Ma ħallew xejn. In-nies taż-Żurrieq kienu prinċipalment jaħdmu r-raba’. Ftit ħafna kienu jippossiedu l-art. Kienu jaħdmu mit-Tnejn sas-Sibt mis-sebħ sa ma jidlam, barra l-Ħdud u l-festi kmandati. Interessanti li l-Knisja ma kinitx tagħmel duttrina jew katekizmu fiż-żmien il-ħsad. Nafu wkoll li fiz-Żurrieq kien hemm nukleju ċkejken ta’ sajjieda. U dan nafuh mill-fatt li fil-knisja ġdida ta’ Mattiolo Saliba, waqqfu l-artal tal-patrun tagħhom Sant’Andrija wara li kienet ingħalqitilhom il-kappella tagħhom ġewwa Bubaqra. Lejn l-aħħar tas-seklu dawn is-sajjieda rnexxielhom jikkongregaw bejniethom.

F’dan iż-żmien ukoll iż-Żurrieq kien Capitano d’Arme — qisu Headquarters tad-distrett għad-dejma. Is-sedja kienet fl-istess bini fejn illum hemm il-Każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. Id-dejma taż-Żurrieq kienet responsabbli għall-medda art imdaqqsa minn Birżebbuġa sal-Qrendi. Skont il-listi tal-Militia ta’ l-1417 u ta’ l-1419 kien hemm ħames postijiet ta’ l-għassa: Ras Juliana (Birżebbuġa), il-Meneq (Kalafrana), Nadur Kelba (Bengħisa), Qabar Gharib (Ħas-Saptan) u Xutu (Wied iż-Żurrieq). Il-Kap tad-Dejma kien ikun kavallier residenti fiz-Żurrieq, u diversi drabi kien ikun mistieden jagħmilha ta’ parrinu fil-magħmudijiet.

Nistgħu ngħidu li s-seklu 17 sebaħ b’Żurrieq bħala art kampanjuża, art kbira iżda raħal ċkejken b’irħula iżgħar mxerrdin ‘il hawn u ‘l hinn. Il-pajsaġġ kien aktarx kappella ftit imdaqqsa fiċ-ċentru, li kienet isservi ta’ knisja parrokkjali, u gozz djar taħt il-kenn tagħha. Mill-bqija, kappelli ċkejknin, xi djar ċkejknin u rziezet ‘il hemm u ‘l hinn, u xi torri. Fuq dawn kien jispikka t-Torri Saliba jew kif nafuh illum it-Torri ta’ Bubaqra.

IL-FAMILJA TA’ MATTHIOLO SALIBA

It-Torri ta’ Saliba jew ta’ Bubaqra jlaqqagħna immedjatament mal-familja Saliba, li minnha tnissel wieħed mill-protagonisti tal-lejla, Don Matthiolo Saliba. It-Torri sabiħ ta’ Bubaqra, mibni b’mod tassew eleganti u mdawwar b’għonna l-iktar sbieħ, kien jasal minn kważi tarf it-triq ta’ Burlangasa sal-pjazza ta’ Bubaqra, u huwa frott il-ħidma tal-familja Saliba. Kien fil-Kumpless tat-Torri ta’ Bubaqra li twieled, għex u miet Don Matthiolo Saliba.

Il-familja Saliba kienet familja prospera, sinjura b’numru ta’ servjenti jaqduha u jaħdmu għaliha; kienet familja ta’ nies imħarrġa fis-sengħa tal-bini, mgħallma bennejja. Min jaf x’sema’ Matthiolo fid-dar u x’pjanti ta’ bini ra! Matthiolo nistgħu nsejħulu perit “self-made” iżda li wera l-ħila kbira tiegħu fil-binja sabiħa b’qisien perfetti tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq. Il-familja Saliba kienet familja tal-Knisja, familja tajba, familja reliġjuża. L-istess arma tal-familja kien is-Salib ta’ Kristu. Fil-fatt min imur iżur it-Torri ta’ Bubaqra, minqux fuq il-bieb ewlieni tat-Torri, wieħed għadu jista’ jaqra din l-iskrizzjoni; “Per signum crucis de inimicis nostris libera nos Domine.” (Bis-sinjal tas-Salib eħlisna Mulej mill-għedewwa tagħna). Din il-familja tat lill-Knisja saċerdot (Matthiolo) u kjeriku (Blasco). Il-missier, Franġisk, kien għal xi żmien prokuratur tal-fratellanza ta’ Santu Rokku fil-bidu tagħha. Il-familja Saliba wriet ġenerożità kbira sew fil-karità mal-fqar u l-batuti u sew mal-Knisja l-ġdida li l-iben għażiż tagħha kien qed jibni. Biżżejjed insemmu l-prospettiva kollha tax-xogħol tal-kor bil-kwadru titulari ta’ Santa Katarina ħiereġ mill-pinzell ta’ Preti; il-lampier tal-fidda li darba kien idawwal dan l-istess kor; il-fundazzjonijiet; u ż-żewġ qniepen ordnati għal din il-funderija Guerriera ta’ Messina, l-Antika u ċ-Ċerimonji…huma kollha xhieda tal-ġenerożita’ ta’ din il-familja benefattriċi tar-raħal.

Fil-kumpless tat-Torri ta’ Bubaqra, mibnija minn Franġisku u Pawliza, tat il-ħajja lil tmien ulied. Matthiolo ġie mgħammed fis-26 ta’ Frar 1606 mill-Kappillan Dun Nikola Bonnici.

Ta’ tnax-il snea, meta l-iktar kellu bżonnu, Matthiolo tilef lil missieru. Matthiolo kellu rabta u sentiment kbir ta’ mħabba lejn il-familja. Hekk kiteb bħala kappillan fuq ir-reġistru tal-mejtin fil-jum tal-mewt ta’ ommu, nhar l-20 ta’ Awwissu 1650- “morte di mater mea carissima, moglie di Francesca pater carisssimus”. Dan is-sentiment ta’ mħabba lejn familty jurih ukoll fit-testment tiegħu meta jirregala l-kalċi tiegħu lill-kappella ta’ San Luqa fejn xi antenati tiegħu mejta bil-pesta kienu ġew midfuna.

Matthiolo Saliba Saċerdot u Kappillan

Fit-13 ta’ Ġunju 1624 Matthiolo, ta’ 18-il sena rċieva t-tonsura mill-Isqof Cagliares fil-Palazz ta’ l-Imdina. Ta’ 23 sena, fl-10 ta’ Marzu 1629, rċieva l-ministeru tad-djakonat minn idejn l-Isqof Cagliares fil-knisja tal-Giżwiti l-Belt. Senawara fil-21 ta’ Settembru 1630, Matthiolo rċieva l-Ordni Sagri wkoll minn idejn l-Isqof Cagliares fil-Palazz ta’ l-Isqofil-Belt ma’ 6 saċerdoti u 3 djakni oħra.

Darba ordnat saċerdot, Don Matthiolo beda mall-ewwel jaħdem bħala viċi parroku fil-parroċċa taż-Żurrieq, taħt il-Kappillan Antonio Dumez. Meta dan il-kappillan tefa’ r-riżenja tiegħu fl-1635, wara disa’ snin ta’ ħidma, l- Isqof tad-djoċesi nieda konkors għal kappillan ġdid. Don Matthiolo tefa’ ismu. Kien Don Matthiolo li ġab l-għola marki u għalhekk intgħażel hu biex imexxi l-parroċċa taż-Żurrrieq. L-approvazzjoni kellha tasal minn Ruma u din ħarġet minn idejn il-Papa Urbanu VIII, il-famuż Barberini, minn Kastell Gandolfo fit-8 ta’ Ġunju 1635. L-investitura tal-Kappillan Saliba saret fil-preżenza tal-Vigarju Don Antonio Tholosenti fit-2 t’Ottubru 1635. Jumejn wara fl-4 t’Ottubru, Don Matthiolo Saliba ħa l-pussess tal-Parroċċa ta’ Santa Katarina V.M. Iż-Żrieraq laqgħu bil-ferħ lill-iben raħalhom. Dak inhar stess, bħala ragħaj tal-parroċċa, Don Matthiolo amministra l-ewwel magħmudija bħala Kappillan. Għammed lil Anġelo bin Duminku u Katarina Camilleri.

Don Matthiolo Saliba: Arkitett u Promutur ta’ ħila Bniedem ta’ Kultura u Kuntatti.

Il-Knisja Parrokkjali l-qadima ddedikata lil Santa Katarina V.M. li sab il-Kappillan Don Matthiolo Saliba kienet l-istess waħda mibnija jew ristrutturata sewwa fl-1448. Kienet kursija xi ftit tawwalija mibnija fuq il-ħnejjiet bħal knejjes ta’ dak iż-żmien. Lejn l-1573 u l-1575 taħt il-Kappillan Bartolo kienu żiedu magħha żewġ kappelluni ċkejknin. F’kelma waħda l-Kappillan Don Matthiolo Saliba kien wiret Knisja Parrokkjali forma ta’ T. Il-kwadru titulari kien mal-ħajt ta’ wara l-altar maġġur. Għandna biex naħsbu li l-kwadru titulari kien il-kwadru l-qadim ta’ Santa Katarina (1580) ta’ Matteo Perez d’Aleccio li sallum wieħed għadu jista’ jara fis-sagristija tal-qassisin. F’din il-knisja bikrija kien hemm 10 altari mħaxkna ma’ xulxin. Fl-1575 Mons. Duzzina kien diġa kkumenta kontra din is-sitwazzjoni ta’ l-altari ġo xulxin. Ma kellhomx skop. Fl-1618 l-Isqof Cagliares kien neħħa l-permess tàċ-ċelebrazzjoni tal-quddies fuqhom. Din il-knisja bikrija, Don Matthiolo Saliba waqqagħha u bena oħra ġdida ferm ikbar u ferm isbaħ.

Kien hu stessli ħolomha, ħażżiżha u bnieha. Għal dak iż-żmien kien proġett kbir u ambizzjuż. Biżżejjed wieħed iħares lejn is-soqfa tal-kappelluni u tal-kor. Arkitettonikament kienet bejn il-knejjes ta’ Tumas Dingli u l-knejjes barokki li kellu jibni Lorenzo Gafa’. Kienet dak iż-żmien fost l-ikbar knejjes u ħadet 25 sena sħaħ biex titlesta mill-1632 sa l-1657.

Don Matthiolo Saliba bħala arkitett u promotur tal-bini, kellu l-piż tal-proġett u l-piż finanzjarju fuq spallejh. Kollu żelu, inkoragixxa liż-Żrieraq kollha biex jagħtu l-għajnuna ulil kull min seta’ biex fit-testment tagħhom iħallu d-donazzjonijiet għall-ispejjeż tal-knisja.

Saliba bena l-knisja ta’ Santa Katarina fuq għamla ta’ Salib latin bil-piż tagħha jistrieħ fuq pilastri massiċċi doriċi. Huwa l-istess salib sallum mingħajr in-navi (1907-10) u mingħajr l-Oratorju (1881). Il-korsija kienet iqsar u kienet tasal sal-pilastri ġewwiena fejn jibdew illum in-niċeċ ta’ Santa Katarina u tad-Duluri, f’kelma waħda xi 18-il pied iqsar minn tallum. Skond il-kejl ta’ dari kellha qisien perfetti. L-ewwel tlestiet il-korsija li bdiet tiffunzjona bħala knisja, imbagħad twaqqgħet il-knisja parrokkjali l-qadima (aktarx kienet fejn illum hemm il-presbiterju) u mbagħad inbnew il-kappelluniu l-kor.

Il-knisja kienet tassew imdawwla bi twieqi ovali fuq l-altariu l-bibien ta’ barra tal- ġnub, sitt twieqi kbar rettangolari, tlieta kull naħa fit-troll tas-saqaf (illum xi ftit jew wisq mgħottija bil-kupletti tan-navi), u għaxar twieqi kbarli għadhom jidhru sewwa minn barra iżda nofshom imbarrati minn ġewwa jew għal kollox bħal dik ta’ wara l-kwadru titulari ta’ Santa Katarina.

Minn ġewwa l-knisja kienet ibbażata fuq is-sbuħija tal-ġebla Maltija.Is-soqfa kienu bla tiżjin tal-pasta. It-troll tas-saqaf tal-kursija kien eżatt bħat-troll tas-saqaf tas-sagristija tal-qassisin bil-fjura tal-ġebel. Id-dedikazzjoni ta’ l-altari kienet bħal tal-lum bid-differenza li l-altar tar-Rużarju kien fejn illum hemm l-altar tal-Kurċifiss; flok l-altar tar-Rużarju kien hemm l-altar tal-Madonna ta’ Monserat u tal-Madonna tas-Sokkors f’tal-Kunċizzjoni. Il-presbiterju ta’ l-altar maġġur kien bla balavostri u wara s-Salib tal-Kleru kien hemm rampa għall-kannierja tal-qassisin (sa tista’ tgħid żmien l-Arċipriet Mifsud il-qassisin Żrieraq ndifnu f’din il-kannierja taħt il-kor). Id-dħul għas-sagristija kien minn fejn l-altari tal-ġnub. L-altari kollha kienu mżejnin bi prospettiva ta’ kolonnar u ornati u skultura tal-ġebel u f’nofs dawn il-prospettivi kien hemm il-kwadri ta’ l-altari, iktar fil-baxx ta’ l-inqas l-altari tal-kursija u f’forma rettangolari.

Bla dubju l-knisja ta’ Saliba kellha ambjent barokk, sinjorili u tassew Ja artistiku. Għajb tassew kbir li fi żmien l-Arċipriet Mifsud, fil-bidu tas-seklu 20, ġew żarmati l-prospettivi kollha ta’ l-altari u mblukkata l-kannierja tal-qassisin. L-Arċipriet Mifsud kien influwenzat minn mewġa puritana kontra l-barokk teatrali fil-knejjes u barra minn hekk l-Arċipriet Mifsud ma kellu l-ebda rabta sentimentali mal-Knisja taż-Żrieraq. Ir-riformi ta’ l-Arċipriet Mifsud f’dan il-qasam ikkawżaw ġlied kbir mal-qassisin taż-Żurrieq u grazzi kbira lilhom li ġiet salvata l-prospettiva tassew artistika li ddawwar il-kwadru titulari tal-martirju ta’ Santa Katarina ġewwa l-kor.

Fil-fatt l-iktar jew l-unika post li jagħtina lemħa tas-sbuħija tal-knisja parrokkjali taż-Żurrieq kif fassalha Saliba hija l-kappella tal-kor. Fil-bini u fid-dekorazzjoni tal-kor iltaqgħu flimkien il-ġenju artistiku tal-pittur Mattia Preti, ta’ l-arkitett Don Matthiolo Saliba, ta’ l-imgħallem bennej Żurrieqi Mastru Pauluccio Farmusa u l-iskultur ġuvnott Lorenzo Gafà li n-nisel min-naħa ta’ missieru kien Żurrieqi wkolll. Sa llum wieħed għadu jista’ jgawdi assjem barokk mill-isbaħ fuq kolonni korinzi skanalati, bla dubju assjem iddominat mill-kwadru mprezzabbli pretjan tal-martirju tal-qaddisa patruna tar-raħal, Santa Katarina Verġni u Martri ta’ Lixandra.

Tajjeb wieħed igħid li din il-prospettiva ta’ l-altar tal-kor kienet miżjuda lejn l-aħħar taż-żmien tal-bini tal-knisja. Fil-fatt il-pedamenti għaliha saru wara minn ġol-kripta tal-qassisin. Ta’ min jinnota li isfel mal-pilastri tal-kolonnili jżejnu l-altar ta’ Santa Katarina barra s-simboli tal-martirju tal-qaddisa wieħed jista’ jara’ l-arma tal-familja Saliba.

Don Matthiolo Saliba kien bniedem ta’ kultura, kellu gost artistiku fin. Il-knisja kienet qisha gallarija ta’ l-arti. Barra l-kwadri ta’ l-altari kien hemm mat-30 kwadru ieħor imdendlin mal-pilastri maġġuriu mal-ħitan tal-kor u s-sagristija. Insemmu bħala eżempju l-kwadru tal-viżitazzjoni ta Marija lil Eliżabetta b’San Tumas d’Aguino u San Pawl Eremita li kien imdendel mal-pilastru tal-lemin. Mal-pilastru ta’ quddiem il-pulptu kien hemm ikoll kurċifiss kbir. Grazzi għall-kultura ta’ Saliba ġew salvati numru kbir ta’ kwadri li darba kienu jżejnu tant kappelli qabel ma ġew profanati. Il-kwadru f’dan iż-żmien kellu effet visiv u edukattiv u minflok il-kelma kien jgħallem u jsaħħaħ il-fidi ta’ min kien iħares lejh. Aħna n-nies tal-Mediterran aħna nies tokkanti – nħobbu mmissu, rridu naraw u l-fidi tagħna tibbaża ħafna fuq is-sensi.

Il-Kappillan Saliba kien siefer ukoll lejn Napli u Ruma bejn Novembru ta’ l-1638 u Frar ta’ l-1640, waqtil-bini tal-korsija. Alla biss jaf x’ra f’dawn iż-żewġ bliet benniena tal-kultura u b’liem ideat kulturali mela l-bagaljaartistika tiegħu qabel ġie lura ż-Żurrieq!

Tajjeb li ngħidu wkoll li l-Kappillan Saliba kien bniedem ta kuntatti. Grazzi għan-negozju tal-familja, Don Matthiolo kellu kuntatti tajbin mal-Ordni ta’ San Ġwann. Bil-ħila f’hekk u bil-ħila enerġetika tiegħuli Saliba wassal lil Mattia Preti jżejjen it-tempju katerinjan bi tmien kwadri mill-pinzell tiegħu.

Minn barra l-knisja parrokkjali taż-Żurrieq kienet tidher f’forma ta’ Salib latin. Kellha kampnar wieħed jagħti fuqil-misraħ ewlieni tar-raħal. Jixbaħ ħafna l-kampnar li nsibu f’irħula bħal Ħal Balzan. Kien kaxxa rettangolari bi twieqi kbar ġejjin għat-tond. Fuq nett kien imdawwar bil-balavostri marbutin bi tnax il-blata b’boċċa tal-ġebel fuq kullblata. Piramida daqsxejn twila b’balla tal-ġebel fuq il-ponta kienet tikser il-forma kwadra tal-kampnar. Biswit il-kampnar (fuq il-bieb tas-sagristija tallum) fuq nett kien hemm l-arloġġ tal-knisja. Kif tħalli d-dell tal-kampnar kien hemm erba’ loġoġ (illum magħluqa) li fihom kienu jistkennu qabel jew wara l-quddies il-bdiewa ta’ Ħal Far u ta’ Bengħisa li kienu jiġu riekba fuq il-bhejjem.

Jagħtu għal ġol-pjazza, il-knisja kellha żewġ bibien b’tieqa ovali fuqhom wieħed mill-kappellun faċċata ta’ l-altar tar-Rużarju ta’ llum u ieħor bejn l-altar tal-Kunċizzjoni ta’ Ilum u dak ta’ Sant’ Andrija. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għan-naħa ta’ l-Oratorju.

Ftit li xejn iżda nistgħu ngħidu fuq kif kienet il-faċċata tal-Knisja parrokkjali. Li nafu hu li mal-bieb maġġur kien hemm xi kolonnar u d-data 1657 minquxa ‘l fuq mill-bieb.

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Don Matthiolo Saliba kif deskritta fil-visti pastorali.

Fl-1658, l-Isqof Balaguer għamel vista pastorali oħra fiż-Żurrieq u jikkummenta fuq il-knisja tagħna bħala waħda mibnija b’sengħa u b’ħila, mibnija b’eleganza u fost l-isbaħ fid-djoċesi.

Fl-1680, l-Isqof Molina bagħat Ruma rapport sabieh fuq il-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq: ‘Il-Knisja Parrokkjali taħt it-titolu ta’ Santa Katarina mbniet fl-1632. Fost il-knejjes il-ġodda hija forsi l-isbaħ waħda li hawn f’din id-djoċesi, mitmuma fl-1657 wara 25 sena xogħol bil-ħsiebu l-ħidma tal-Kappillan il-mejjet Don Matthiolo Salibali għal bosta snin bl-ikbar eżempju mexxa din il-parroċċa. Il-knisja fiha għaxar altari mgħammra b’dak kollu li jinħtieġ, u l-Knisja nnfisha ma jonqosha xejn fl-armar u f’dak kollu ta’ ħtieġa. Il-pittura ta’ diversi altari hija ta’ Mattia Preti, flimkien ma’ kwadri sbieħ oħra mdendlin mal-pilastri tal-kor quddiem l-altar maġġur. Kuljum jiġu ċċelebrati bosta quddies minħabba fin-numru kbir ta’ qassisin ta’ l-istess raħal, li juffiċċjaw b’mod l-aktar puntwali u li jirrendi l-knisja moqdijabħalli kieku kienet insinji kolleġġjata.

Matthiolo Saliba u l-ħidma pastorali tiegħu

Fil-bidu tas-seklu 17, qabel Saliba, il-parroċċa taż-Żurrieq kellha biss bejn ħames u tmien saċerdoti u mhux kollha kienu miż-Żurrieq. Fi żmien il-Kappillan Saliba il-parroċċa taż-Żurrieq saret nixxiegħa fertili ta’ vokazzjonijiet – mhux inqas minn 18-il saċerdot. Fl-1699 il-knisja taż-Żurrieq kellha jaqduha 23 qassis, 2 djakni, 2 suddjakni u 9 kjeriċi.

Fuq Don Matthiolo Saliba, l-Isqof Molina jirraporta lir-Ruma li bl-akbar eżempju mexxa l-parroċċa.’

Iżda x’kienet il-ħidma pastorali tiegħu? Minbarra l-bini tal-knisja u l-amministrazzjoni tal-flus, tal-legati u tar-reġistri tal-prokuraturi, il-ħajja pastorali, kienet bażikament il-ħajja sagramentali- magħmudiji, żwiġijiet, funerali…… Dwar is-sagrament tal-Qrar nafu minn rapport ta’ l-Isqof Bueno (1667) li nofs ir-raħal kien jersaq għal qrar kull ġimgħa: ‘la meta’ ogni otto di’: chinella prima domenica, chi nella terza domenica’. Nafu wkoll li kulħadd kien jersaq għall-qrar għall-festa ta’ Santa Katarina, tal-Milied, ta’ l-Għid, ta’ l-Għid il-Ħamsin u ta’ Pentecoste: ‘tutti si confessano’.

Il-Kappillan ukoll kien responsabbli mid-duttrina. Kellu wkollil-Kappillan ħafna festi u ħafna devozzjonijiet. Il-Kappillan Saliba kien waqqaf fiż-Żurrieq il-festi ta’ San Tumas d’Aguino u tas-Salib. Il-festi dak iż-żmien kienu kważi għal kollox ta’ xejra spiritwali għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ferħ ma kenux neqsin ukoll bħall-isparar tal-maskli winkontri soċjali. Il-festa parrokkjali ta’ Santa Katarina nhar il-25 ta’ Novembru kienet għaż-Żrieraq kollha ġurnata ta’ mistrieħ mix-xogħol b’obbligu tas-smiegħ tal-quddies. Il-festa kienet tikkonsisti fil-primi vespri lejlietha, quddiesa bil-paneġierku l-għada fil-għodu u s-sekondi vespri fil-għaxija. Mhux darbau tnejn saret il-Griżma ta’ l-Isqof dak inhar ukoll. Jekk il-Griżma ta’ l-Isqof hi konferma tal-magħmudija, ix-xewqa ħerqana li bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu wieħed jimxi bis-serjetà wara Ġesu, il-Festa ta’ Santa Katarina wara paneġierku sħiħ fuq il-virtujiet sbieħ u l-imħabba eroika tat-tfajla qaddisa Katarina kienet toffri l-ambjent sublimi biex fuq l-eżempju qaddis tagħha wieħed jimxi b’iktar impenn wara Ġesu.

Forsi wieħed isaqsi kellu xi nkwiet il-Kappillan Saliba fil-ħidma pastorali tiegħu? Ix-xitan f’kull żmien ideffes denbu u għal kemm l-istorja tħallina fid-dlam kien hemm żewġ affarijiet li żgur nikktu l-qalb tal-Kappillan Matthiolo Saliba bħala ragħaj tal-parruċċani tiegħu. Dawn kienu l-vizzji tal-logħob tal-flus u tax-xorb fil-ħwienet ta’ Ġanni Barbara, ta’ Ġużeppi Camilleri u ta’ Ġanni Xicluna. Iżda l-iktar ferita għalih kienet il-mewt traġika tas-saċerdot żagħżugħ Dun Giuseppe Maria Azzopardili ġie maqtul
(si ritrovo’ ammazzato in campaġgna) fit-3 t’Awissu 1657. Kellu biss 46 sena u kien ilu jqaddes 12-il sena.

Don Matthiolo Saliba u l-fratellanza ta’ Santa Katarina

L-imħabba ta’ Matthiolo Saliba, Żurrieqi, lejn Santa Katarina ma wrihiex biss fil-bini sabiħ tal-Knisja ddedikata lilha u fil-bini bi flus ta’ l-altar tagħha fil-kor bil-pittura mprezzabbli tal-Preti, iżda wkoll bit-twaqqif tal-Fratellanza ta’ Santa Katarina. Din ix-xirka jew fratellanza taħt il-ħarsien ta’ Santa Katarina kienet diġà espressa fl-1644 minn Ġanni Farrugia u

Giovanni Mangion f’isem il-poplu taż-Żurrieq. L-iskop kien li tkompli tikber u titħeġġeġ il-qima u l-imħabba lejn Santa Katarina patruna tar-raħal. Il-fratellanza ta’ Santa Katarina ġiet approvata mill-Papa Innoċenż X (1644-55) bi Breve li ħarġet minn Santa Maria Maggiore f’Ruma nhar is-7 ta’ April 1652. Is-sede tal-fratellanza kienet l-altar ta’ Santa Katarina fil-kor. Ħafna mill-membri ta’ din il-fratellanza kienu muskettieri Żrieraq fid-Dejma iżda kienet miftuħa sew għall-irġiel u sew għan-nisa. L-għan kien li taħt il-protezzjoni dejjiema tal-patruna tar-raħal Santa Katarina, il-fratelli jiksbu għajnuniet spiritwali waqt l-agunija u l-mewt.

Meta fratell kien imut kien jiġi akkumpanjat sal-qabar minn 12-il fratell bit-torċa f’idejhom, fil-fatt minħabba f’hekk il-fratellanza kienet tissejjaħ ukoll ta’ l-Antorċi. Kien hemm ukoll l-obbligu ta’ diversi quddies għalruħ il-fratell. Il-fratellanza ta’ Santa Katarina kienet tikkumpanja s-Santissimu Sagrament fil-purċissjoni tat-Terza. Bla dubju barra r-rwol spiritwali u liturġiku tagħha l-fratellanza ta’ Santa Katarina, bħall-fratellanzi l-oħra taż-żmien, kellha wkoll rwol ta’ solidarjetà fil-mumenti ebsin u tqal tal-ħajja. Din il-fratellanza ġiet assorbita mill-Kongregazzjoni ta’ l-Agunija li kellha ħafna similarità fl-iskop u li twaqqfet fiż-Żurrieq fl-1689 fuq rieda ta’ l-Isqof Cocco-Palmieri.

Il-Mewt ta’ Don Matthiolo Saliba

L-aħħar żmien ta’ ħajtu, Matthiolo flimkien ma’ ħuh Blasco, qattgħu fil-kumpless tat-Torri ta’ Bubaqra, fir-residenzali tagħti għall-Misraħ Santa Marija, Bubaqra. Kellhom magħhom lin-neputijiet Caterinuzza (miżżewġa lil Baldassare Tonna) u Lucrezja (miżżewġa lil Paolo Mamo). Don Matthiolo Saliba miet fil-5 ta’ Frar 1676 wara parrokat ta’ 41 sena. Kellu 70 sena. Il-knisja kienet kważi lesta minn kollox. Il-kwadri ta’ Santu Rokku kellu jitlesta dik is-sena mentri dak tar-Rużarju kellu jistenna ftitsnin oħra.

L-aħħar sagramenti u d-difna ġew amministrati mill-Viċi Dun Pietru Saliba, li mexxa minn floku għal 6 xhur sħaħ sa ma laħaq il-Kappillan ta’ warajh Dun Ġwann Gatt, f’Ottubru ta’ l-1676. Ġie midfun, kif kien xieraq, l-għada stess fl-istess knisja li hu stess b’tant sengħa, imħabba u ħila kien ħolom, ħażżeż u bena.

Bħal Professur P.P. Savdon li ħallielna patrimonju ħaj – għax il-kelma t’Alla hi dejjem ħajja – Matthiolo Saliba wkoll ħallielna wirt ħaj għax it-tempju maestuż iddedikat lil Santa Katarina V.M. li ħallielna, kienu baqa’ tul dawn t-343 sena, kulla, benniena, ħammiela ta’ fidi f’Alla l-Imbierek.