Dwarna
Radju Santa Katarina ilu joffri s-servizz ta’ xandir fil-komunità ġewwa ż-Żurrieq sa mill-Festa Titulari tal-Patruna ta’ raħalna Santa Katarina V.M. tas-sena 2002.
Kien propju s-Segretarju tas-Soċjetà ta’ dak iż-żmien, illum il-President tas-Soċjetà, is-Sur Josef Cachia li għamel proposta lill-Kumitat Ċentrali biex għall-ewwel darba il-Festa tkun imxandra fuq radju tal-komunità tas-Soċjetà stess. Il-Kumitat mill-ewwel aċċetta din il-proposta fejn hemm ukoll ġie magħżul l-isem, li kif xieraq ġie msemmi għall-istess Patruna taż-Żurrieq – Radju Santa Katarina.
Dan l-ewwel radju fiż-Żurrieq wara jiem ta’ trażmissjoni bi prova, beda jxandar uffiċċjalment fuq il-frekwenza 90.6FM il-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu 2002. Barra programmi ta’ mużika u divertiment għall-gosti ta’ kulħadd, Radju Santa Katarina xandar ukoll l-attivitajiet kollha li saru fir-raħal marbuta mal-Festa Titulari, xandar programmi mill-pjazza waqt il-qofol tal-marċ u kif ukoll il-Funzjonijiet Liturġiċi marbuta mal-Festa, li ġew iċċelebrati fil-Knisja Matriċi u Arċipretali ddedikata lil Santa Katarina. Barra li dan kollu ġie mxandar fil-komunità taż-Żurrieq permezz tat-trażmissjonijiet tar-radju, saru wkoll arranġamenti sabiex l-istess xandir kien ukoll imwassal mad-dinja kollha permezz tal-internet. B’hekk għadd kbir ta’ emigranti segwew dak kollu li kien qiegħed jixxandar fuq Radju Santa Katarina kif ukoll il-
cameras live li saru fil-pjazza u fil-Knisja Arċipretali.
Kienu bosta l-persuni membri u ammiraturi tas-Soċjetà li mill-ewwel offrew l-għajnuna tagħhom sabiex dan ir-radju kien suċċess kbir. Frott ta’ dan is-suċċess, is-Soċjetà baqgħet dejjem tħares ‘il quddiem u torganizza dan ix-xandir ta’ Radju Santa Katarina kull sena fil-Festa li tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru.
Ma setax jonqos li l-Festi Ċentinarji tas-sena 2005 li fakkru l-1700 Sena mill-Martirju u l-Glorifikazzjoni ta’ Santa Katarina Verġni u Martri ta’ Lixandra, jħajjru lill-organizzaturi tar-radju biex jorganizzaw ukoll ix-xandir fuq Radju Santa Katarina fil-Festa li ġiet iċċelebrata b’mod verament sollenni fil-25 ta’ Novembru. Ir-radju kien xandar skeda mis-Sibt 19 ta’ Novembru sal-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2005. B’hekk Radju Santa Katarina beda jżomm l-
appuntament mas-semmiegħa tiegħu darbtejn fis-sena. Dan b’eċċezzjoni għall-Festa ta’ Novembru tal-2007 li ġiet imħassra minħabba l-mewt traġika tas-Sinjuri Nazzareno Barbara u Alfred Cassar wara l-isplużjoni li seħħet f’St. Catherine Fireworks Factory fil-15 ta’ Novembru.
Wara li ta’ kull sena s-Sur Josef Cachia kien jieħu l-inkarigu li jgħaqqad it-tim ferm numeruż tar-radju, il-Kumitat Ċentrali 2007-2008 ħass li għandu jgħaqqad sotto kumitat biex ikompli jsaħħah ir-radju tas-Soċjetà. Fil-fatt it-Tnejn 26 ta’ Mejju 2008 fil-preżenza tal-President tas-Soċjetà s-Sur Charlie Schembri, iltaqa’ dan is-Sotto Kumitat għall-ewwel darba iffurmat minn Edmond Abela, Josef Cachia, Cettina Camilleri, Moses Camilleri, Josef Chetcuti, Annalisa Schembri, Kevin Schembri u Mark Tonna.
Minn dakinhar ‘il quddiem, Radju Santa Katarina baqa’ jxandar matul is-sena kollha bla waqfien b’diversi programmi live varjati għall-gosti ta’ kullħadd. Radju li ra diversi preżentaturi jibdew il-karriera tagħhom propju fuq dan l-istazzjon hekk imsejjaħ tal-komunità. Stazzjon li kellu ħafna personalitajiet mistiedna fuq diversi programmi t’interess, intervisti ta’ nies li forsi llum m’għadhomx magħna u oħrajn bi professjonijiet diversi li komplew u għadhom jagħmlu dan l-istazzjon popolari u mfittex mhux biss man-nies tal-lokalità, imma wkoll ma’ diversi immigranti Żrieraq imxerrdin ma’ kull rokna fid-dinja matul is-sena kollha u b’mod iktar speċjali fil-ġimgħa tal-festa.
Radju Santa Katarina jaħdem bil-volontarjat, nies u preżentaturi li jagħmlu programmi interressanti u riċerkati fuq diversi suġġetti. Matul dawn l-20 sena, bla dubju iż-żmien tal-pandemija jibqa’ mmarkat ukoll fl-istorja ta’ dan l-istazzjon. Kien żmien iebes għal dan l-istazzjon, speċjalment meta s-sedè tagħna kienet magħluqa kif kien mitlub mill-awtoritajiet tas-saħħa. Minkejja dan kollu, bit-teknoloġija avvanzata tal-lum f’dan il-qasam u bid-determinazzjoni ta’ diversi preżentaturi, dan l-istazzjon baqa’ jxandar u jkun ta’ servizz għall-komunità anki f’dan iż-żmien hekk diffiċli u bla preċedent. Kien interresanti l-fatt li diversi preżentaturi setgħu jittrasmettu l-programmi live tagħhom anki minn ġewwa djarhom!
Matul is-sena fejn iċċelebrajna għeluq l-20 sena minn meta dan l-istazzjon Radju Santa Katarina beda jxandar, il-kumitat attwali ħadem biex jorganizza diversi atttivitajiet biex ifakkar u jiċċelebra dan l-anniversarju fost l-oħrajn saret jingle ġdida u anke saret ikla għall-preżentaturi u membri tal-kumitat li taw is-sehem tagħhom għal dan ir-radju matul dawn l-aħħar 20 sena. Saru merchandising apposta biex jinġabru fondi għar-radju kif ukoll ġew organizzati aktar attivitajiet fosthom maratona ta’ xandir u open day tar-Radju.
Sotto Kumitat Radju
Chairperson | Is-Sur Nicholas Saliba |
---|---|
Vici Chairperson | Is-Sur Oliver Zammit |
Segretarja | Is-Sinjura Nadine Buhagiar |
Station Manager | Is-Sinjura Nadine Buhagiar |
Kaxxier | Is-Sur Oliver Zammit |
Assistenti Kaxxiera | Is-Sur Joseph Schembri Is-Sur Frans Bonnici |
Direttur | Is-Sur Frans Bonnici |
Quality Control tax-Xandir | Is-Sur Mark Tonna |
Direttur Tekniku | Is-Sur Frank Zammit |
Recording Engineer | Is-Sur Mark Tonna |