Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina Verġni u Martri, l-Ewwel Soċjetà Mużikali mwaqqfa fiż-Żurrieq fis-sena 1864, tagħraf lil Santa Katarina Verġni u Martri bħalha l-Qaddisa Patruna tagħha. Hekk kif stipulat fl-istatut, l-għanijiet tas-Soċjetà huma t-tagħlim tal-mużika, li tgħin fil-Festa ta’ Santa Katarina V.M, rikreazzjoni għall-membri u tħeġġeġ it-talenti kulturali fost il-membri.
Matul is-snin is-Soċjetà kompliet tikber u tiżviluppa u llum hija waħda mill-akbar soċjetajiet mużikali fil-gżejjer Maltin. Is-Suċċess tas-Soċjetà huwa grazzi għal dawk il-membri kemm preżenti u dawk li ħallewna għall-ħajja ta’ dejjem li b’mod volontarju ħadmu bis-sħiħ matul is-snin sabiex ippreservaw dak li nwiret u komplew jibnu fuqu u jaddattaw maż-żminijiet.
Hekk kif stipulat fl-Istatut is-Soċjetà tagħraf lill-Patruna taż-Żurrieq, Santa Katarina V.M. bħalha l-qaddisa Patruna tagħha u għalhekk l-avveniment ewlieni ta’ kull sena tas-Soċjetà ikun iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Santa Katarina V.M. li tiġi mtella’ fil-ġimgħa li tippreċedi l-ewwel Ħadd ta’ Settembru. Matul din il-ġimgħa jintlaħaq il-qofol ta’ sena ħidma fejn jiġi esebit ix-xogħol kollu li jkun sar mid-diversi fergħat tas-Soċjetà, jitgħellgħu kunċerti mużikali ta’ livell għoli, marċi bi brijju uniku, spettakli ta’ nar tal-ajru u tal-art mill-aqwa u ż-Żurrieq jiġi mżejjen bl-ifjen armar għall-Festa Titulari tiegħu.
Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina Verġni u Martri tħares ‘il quddiem u ser tkompli timpenja ruħha sabiex tibqa’ tevolvi u tibqa’ l-iktar Soċjetà Mużikali popolari fiż-Żurrieq, b’ rabta ta’ mħabba u għożża dejjiema lejn il-Patruna tagħna Santa Katarina V.M.