Surmast Direttur Josef Grech
Is-Surmast Josef Grech twieled nhar il-31 ta’ Diċembru 1985, iben Catherine nee’ Falzon miż-Żurrieq u John Grech mir-Rabat. Huwa ġie mgħammed fil-Parroċċa ta’ Santa Katarina V.M. nhar id-9 ta’ Frar 1986 mir-Reverendu Kanonku Dun Ġużepp Portelli, u mogħti l-ismijiet ta’ Josef u Jonathan. Fi tfulitu, Josef kien jattendi il-MUSEUM għat-tagħlim tad-duttrina. Kien ukoll iservi ta’ abbati fil-Parroċċa taż- Żurrieq u fil-Knisja ta’ Santa Marija Bubaqra, fejn illum huwa jokkupa l-kariga ta’ Segretarju fi hdan il-Kumitat Pastorali Bubaqra. Huwa kien jattendi l-Iskola Primarja taż-Żurrieq, l-iskola sekondarja fis-Seminarju tal-Arċisqof ir-Rabat, il-Junior College u l-Universita ta’ Malta.
Josef beda l-ewwel studji mużikali fl-1992 fl-eta’ ta’ 7 snin, fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. għand is-Surmast u għalliem tal-alljievi Mro. Francis Falzon L.(Mus) L.C.M., L.R.S.M. Fl-1995 huwa ħareġ idoqq il-klarinett mal-Banda Santa Katarina V.M. Minn dakinhar il-quddiem huwa qatt ma ħares lura u baqa’ jattendi b’mod regolari għal-lezzjonijiet tal-banda, kif ukoll għall-kunċerti u s-servizzi li jkollha l-Banda Santa Katarina V.M.
Josef kompla dejjem jipperfezzjona l-istudji mużikali tiegħu. Fis-sena 2004 huwa kompla bi studji aktar avvanzati fil-performance u t-teorija mużikali għand is-Surmastrijiet Christopher Camilleri L.R.S.M. u Raymond Sciberras F.L.C.M. F’qasir żmien huwa rnexxielu jakkwista l-gradi neċessarji kemm mill-Board tat-Trinity College of London u anke mill-Associated Board of The Royal Schools of Music bl-ogħla unuri ta’ Distinction. Fis-sena 2009 huwa akkwista d-diplomi ta’ Associate mit-Trinity College of London u mill-Associated Board of The Royal Schools of Music.
Attenda wkoll għal taħriġ fid-direzzjoni għand is-Surmast Joseph Sammut. Fis-sena 2011 irnexxielu jakkwista l-Liċenzjat mit-Trinity College of London, filwaqt li fis-sena 2012 irnexxielu jakkwista l-Liċenzjat mill-Associated Board of The Royal Schools of Music. Ta’ min isemmi li diversi alljievi li tħarrġu għand is-Surmast Josef Grech ressqu wkoll ghall-eżamijiet tal-mużika fejn irnexxielhom jakkwistaw marki tajbin ħafna.
Is-Surmast Josef Grech interpreta kemm il-darba siltiet solistiċi mal-Banda Santa Katarina V.M., fosthom fis-sena 2004 fil-ġemellaġġ mużikali ġewwa Lucca l-Italja u fil-programm tal-festa ta’ dik l-istess sena. Dakinhar huwa interpreta il-Czardas ta’ Vittorio Monti, fejn din intlaqgħet tajjeb ħafna minn dawk kollha preżenti. Fis-sena 2009 fiż-żjara tal-banda ġewwa l-Ungerija u fil-festa tal-istess sena interpreta wkoll b’mod eccezzjonali s-silta Introduction, Theme & Variations ta’ Giaocchino Rossini – silta impenjattiva ferm għall-klarinett. Huwa daqq ukoll f’diversi okkażjonijiet bħala solista akkumpanjat bil-pjanu u anke ma’ orkestri fil-knejjes.
Fis-sena 2005 is-Sotto Kumitat Banda ħatar lil Josef bħala Segretarju fi ħdan dan is-sotto kumitat. Kien proprju f’Settembru tas-sena 2007 li Josef ġie nkarigat mill-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. biex jieħu f’idejh it-tagħlim tal-alljievi tas-sezzjoni tal-woodwind. Dan fl-assenza tas-Surmast Francis Falzon li sfortunatament kellu jirtira minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu. Din kienet esperjenza ġdida għal Josef, li bil-għajnuna tas-Surmast Falzon, l-Assistent Surmast Mario Testa u tas-Soċjetà huwa rnexxielu jkompli jgħallem b’dedikazzjoni u professjonalità lill-alljievi tas-soċjetà, fejn għadu jagħmel dan sal-lum il-ġurnata. Ta’ min jgħid li anke fiż-żmien meta s-Surmast Falzon kien indispost, Josef kien dejjem jikkonsulta mas-Surmast Falzon rigward it-tagħlim tal-aljievi li huwa kellu jħalli ħabta u sabta.
Ġurnata kerha għas-Soċjeta Muzikali Santa Katarina V.M. u ghall-Banda Santa Katarina V.M. kienet il-ġurnata tal-Ħadd 26 ta’ Ottubru 2008, fejn tħabbret il-mewt tal-maħbub Surmast tal-Banda Santa Katarina il-Mro. Francis Falzon. Wara l-mewt tas-Surmast Francis Falzon, u l-ħatra ta’ Mro. Mario Testa Dip.Mus in Bb Tuba F.Mus E.I.H.E.(Hc) bħala Surmast Direttur tal-Banda Santa Katarina, ġie vakant il-post ta’ Assistent Surmast. Kien għalhekk li nhar f’Diċembru tas-sena 2008 il-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., wara laqgha ta’ konsultazzjoni mal-Bandisti, ħatar lis-Sur Josef Grech bħala Assistent Surmast tal-Banda Santa Katarina V.M.
Bħala Assistent Surmast il-Mro. Josef Grech kompla jagħti kontribut siewi b’risq il-Banda Santa Katarina V.M. Fis-sena 2012 l-Assistent Surmast Josef Grech inħatar Arkivista tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. wara l-mewt tal-ex arkivista s-Sur Joseph Camilleri. F’Awwissu tas-sena 2012, proprju xahar biss qabel il-Programm Annwali tal-festa huwa kellu jieħu f’idejh id-direzzjoni tal-Banda Santa Katarina V.M. wara r-riżenja tas-Surmast Mario Testa. Il-kunċerti tal-banda komplew b’mod normali, il-mużika programmata inżammet l-istess u nistgħu ngħidu li l-programm tal-festa kien wieħed memorabbli u ta’ suċċess. F’Diċmebru 2012, is-Surmast Josef Grech ġie mħhtur Surmast Direttur tal-Banda Santa Katarina V.M. wara laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Bandisti. Fis-sena 2012 huwa ġie maħtur ukoll Assistent Surmast u ghalliem tal-aljievi mal-Banda Santa Marija tal-Qrendi.
Nistghu ngħidu li s-Surmast Josef Grech huwa wkoll kompożitur mill-aqwa, fejn tul dawn l-aħħar snin irregala diversi xogħlijiet mużikali minn tiegħu lill-Banda Santa Katarina V.M. Dawn jikkonsistu f’marċi brijjużi, mari funebri, arranġamenti mużikali, Fantasy for Band u Opening Fanfare.
Assistent Surmast Alan Schembri
L-Assistent Surmast Alan Schembri twieled nhar it-13 t’Ottubru 1982, iben Martin Schembri u Rita neѐ Schembri miż-Żurrieq.
Fi tfulitu, Alan kien jattendi l-MUSEUM u kien jagħmel parti mill-abbatini fil-Parroċċa taż-Żurrieq. Huwa kien jattendi l-iskola primarja taż-Żurrieq, l-iskola sekondarja ta’ Santu Wistin tal-Pietà, u l-iskola post-sekondarja Paolino Vassallo f’Raħal Ġdid.
Alan beda l-ewwel studji mużikali tiegħu fl-1988 fl-età ta’ 6 snin fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. għand l-Assistent Surmast u għalliem tal-alljievi Mro. Ray Sciberras F.L.C.M .
Wara Mro. Sciberras, Alan kompla l-istudji mużikali tiegħu għand is-Surmast direttur tal-Banda Mro. Francis Falzon L.(Mus) L.C.M., L.R.S.M. u baqa’ sakemm ingħaqad mal-Banda Santa Katarina V.M. fil-Milied tal-1996. Minn hemm Alan baqa’ jattendi b’mod regolari għal-lezzjonijiet tal-banda, kunċerti u servizzi li jkollha l-Banda Santa Katarina V.M.
Missieru Martin huwa wkoll bandist regolari mal-Banda Santa Katarina V.M. fejn jokkupa l-kariga ta’ solista tal-klarinett. Missieru ilu bandist mal-Banda mis-sena 1974. Alan kien ukoll membru fis-sotto kumitat tal-banda mill-2003 sal-2008. Alan kien ukoll Awditur tal-Każin bejn is-sena 2002 sal-2005.
Sitt xhur biss wara li ngħaqad mal-banda, Alan esperjenza l-ewwel safra meta l-Banda marret iddoqq f’Bari ġewwa l-Italja fl-1997. Fis-sena 2000, Alan inħatar solista fuq il-kurunetta, kariga li għadu jokkupa sal-ġurnata tal-lum.
Kien fil-programm vokali u strumentali tal-festa tas-sena 2000 fejn Alan għamel l-ewwel solo tiegħu bil-pistonin meta ndaqqet is-silta La Traviata ta’ Giuseppe Verdi fejn interpreta l-parti tas-sopran. Minn hemm, Alan baqa’ jagħmel is-solijiet li kien jafdalu s-Surmast tal-Banda.
Xi siltiet oħra li daqq Alan bħala solista fuq il-kurunetta jew il-pistonin kienu: Il Trovatore ta’ Giuseppe Verdi fejn interpreta wkoll il-parti tas-sopran, La Sonnambula ta’ V. Bellini, is-silta famuża Granada, Spanish Trumpet ta’ Rita Defoort, Trumpet Melody ta’ Roberta Villata u ħafna oħrajn.
Ta’ min jgħid li s-silta Granada, Alan daqqha wkoll bħala solist meta l-banda kienet imsiefra għall-ħames darba ġewwa Lucca (Firenze), l-Italja fis-sena 2004, u s-silta Trumpet Melody daqqha ġewwa Budapest fl-2009 dejjem akkumpanjat mill-Banda Santa Katarina V.M.
Alan ilu mis-sena 2001 idoqq mal-orkestri fil-knejjes. Fosthom, daqq fil-knejjes ta’ San Pawl il-Belt Valletta, Sant’ Andrija f’Ħal Luqa, Santa Tereża B’Kara u Santa Katarina V.M. ż-Żurrieq u f’diversi akkademji u oratorji fosthom l-Oratorju Santa Katarina ta’ Lixandra, kompożizzjoni ta’ Mro. Francis Falzon. Huwa jkun mistieden minn diversi baned lokali sabiex idoqq magħhom fosthom mal-Banda Ċittadina King’s Own tal-Belt Valletta.
Alan baqa’ jistudja privatament it-tagħlim tat-teorija għand is-Surmast Mro. Francis Falzon L.(Mus) L.C.M., L.R.S.M. Kien fis-sena 2002 meta Alan ikkompona l-ewwel marċ tiegħu u minn hemm baqa’ jirregala marċi lis-Soċjetà kull meta l-Banda tkun se tipproduċi sett ta’ marċi ġodda li jsir prattikament kull sentejn. Fosthom ma nistgħux ma nsemmux wieħed mill-marċi popolari tiegħu li jismu ‘Palm of Victory’ li mhux biss huwa popolari fiż-Żurrieq iżda li jindaqq minn diversi baned Maltin u Għawdxin.
Sfortunatament, b’dieqa kbira kellu jieqaf jistudja minħabba saħħet is-Surmast fejn l-akbar ġerħa kienet meta waslet l-aħbar fis-26 t’Ottubru 2008 li s-Surmast Francis Falzon għadda għall-ħajja ta’ dejjem.
Ta’ min jgħid ukoll li Alan ma kienx attiv biss fil-banda, iżda wkoll fil-qasam pirotekniku fejn saħansitra kien attenda kors fl-2003 ġewwa d-depot tal-pulizija u wara kiseb il-liċenzja ‘B’ sabiex ikun jista’ jattendi u jassisti ġewwa l-kamra tan-nar tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. Hu baqa’ jattendi u jaħdem in-nar sal-2009 fejn kellu jieqaf minħabba raġunijiet personali. Alan kien ukoll jagħmel parti mis-sotto kumitat tan-nar fejn mill-2006 sal-2009 kien jokkupa l-kariga ta’ kaxxier.
Fis-sena 2011, Alan ingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma’ Stefania, neѐ Coleiro. Kienet propju hi u l-ġenituri tiegħu li reġgħu ħajru lil Alan sabiex ikompli l-istudju tat-teorija fil-mużika fejn kien ħalla mal-mibki Surmast Francis Falzon. Kien propju għalhekk li Alan ħa l-inkoraġġiment tal-familja tiegħu u avviċina lil Mro. Etienne Spiteri F.L.C.M. sabiex ikompli l-istudji tiegħu għandu. Dan huwa l-istess surmast li kien diġa’ wera l-fiduċja tiegħu f’Alan meta fis-sena 2010 għażlu sabiex jieħu f’idejh it-tagħlim tal-alljievi fis-sezzjoni tar-ramm ġewwa l-każin tal-banda Pompeii ta’ Marsaxlokk.
F’Diċembru 2012, is-Surmast Josef Grech ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda Santa Katarina V.M. u għalhekk ġiet vakata l-kariga ta’ Assistent Surmast. Kien f’Jannar 2013, meta l-kumitat tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., wara laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-bandisti, ħatar lis-sur Alan Schembri bħala Assistent Surmast tal-banda Santa Katarina V.M. Din il-kariga kienet tinvolvi wkoll it-tagħlim fis-sezzjoni tar-ram li jsir kull ġimgħa fil-Każin. Eventwalment is-Sur Alan Schembri beda’ jgħallem it-Teorija lill-aljievi.